Attentat ta’ Attakk fuq is-Sistemi tal-BOV – Assigurat li l-Flus tal-Klijenti huma Siguri

Fi stqarrija maħruġa mill-Bank Lokali Bank of Valletta, ġie magħruf li l-istess bank waqqaf is-servizzi tiegħu temporanjament wara li ġie identifikat attentat ta’ hacking fuq is-sistemi tiegħu.

Fl-istess stqarrija, il-Bank iddikjara li biex ikun żgurat l-aqwa serħan il-moħħ lill-klijenti fiċ-ċirkustanzi, bdiet immedjatament ħidma mill-qrib mal-pulizija lokali u internazzjonali.

Intant fi stqarrija Parlamentari, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkumenta dwar dan il-każ fejn stqarr li l-ewwel indikazzjonijet juru li l-bank induna bil-hacking wara li saru xi transazzjonijiet fittizji bl-ammont jlaħħaq it-€13 il-Miljun f’erbá pajjiżi differenti minn erbá banek differenti. Hawn il-Prim Ministru għamel emfażi għall-fatt li l-ebda flus tal-klijenti tal-BOV ma’ ġew affetwati minn dawn it-transazzjonijiet.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li l-bank induna f’anqas minn 30 minuta u rreaġixxa fuq skala internazzjonali.

Il-Prim Ministru elenka iżjed dettalji dwar il-każ fejn fost l-oħrajn żied jgħid li l-attakk oriġina minn barra mill-pajjiż u stqarr li sakemm is-sistema tal-BOV hi mwaqqfá qed isiru għadd ta’ testijiet u qabel is-sistema tmur lura għan-normal se jkun żgurat li l-istess sistemá hi mnaddfa assolutament minn kull tip ta’ traċċa relatata mal-attakk.

Il-Prim Ministru assigura lill-poplu Malti li l-flus tal-klijenti huma siguri u li issa l-każ mar f’idejn il-Pulizija biex b’hekk tiskatta Inkjesta Maġisterjali bil-għan li jkun determinat x’wassal għal dan il-każ.

Fl-istqarrija tiegħu il-Prim Ministru saħaq li l-Kumitat Nazzjonali għas-Sigurtá Diġitali qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u qed jissorvellja dak kollhu li qed jiġri f’dan il-każ

F’reazzjoni li għamel dwar dan il-każ, il-Kap tal-Oppożizjoni Adrian Delia ddeskriva dan il-każ bħala attakk fuq waħda mill-iżjed istituzzjonijiet importanti f’pajjiżna.

Lura għall-lista tal-aħbarijiet