Bħala ċ-Ċentru taċ-Ċibersigurtà, il-MITA ingħaqdet man-Netwerk tal-UE li se jaħdem fuq il-bini ta’ komunità ċibernetika u se jgħin liċ-Ċentru ta’ Kompetenza f’Bukarest biex jimplimenta l-prijoritajiet.
Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk jimxi ‘l quddiem: Nomina tal-President tal-Bord tat-Tmexxija u taċ-ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni.
Ilbieraħ, il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza taċ-Ċibersigurtà ltaqa’ uffiċjalment għat-tieni darba, u ġabar rappreżentanti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, ENISA. Matul il-laqgħa saret l-elezzjoni taċ-Chairperson tal-bord tat-Tmexxija. Għal din il-kariga ġie elett Pascal Steichen mil-Lussemburgu. Barra minn hekk, il-lista taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni li ġiet maħtura uffiċjalment mill-Istati Membri ġiet ratifikata mill-bord u ppubblikata. In-Netwerk se jkompli jaħdem fuq il-bini ta’ komunità ċibernetika. Il-Bord tat-Tmexxija ddiskuta wkoll kwistjonijiet oħra relatati mal-istabbiliment u l-prijoritajiet taċ-Ċentru u tan-Netwerk.
Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza, li se jkun jinsab f’Bukarest, flimkien man-Netwerk taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej taċ-ċibersigurtà kif ukoll biex jagħtu spinta lill-eċċellenza fir-riċerka u l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni f’dan il-qasam. Se jamministra wkoll parti mill-finanzjament li huwa ddedikat għaċ-ċibersigurtà mill-Programm Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, kif ukoll mill-Istati Membri.
Il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri (27 membru), il-Kummissjoni (2 membri) u l-ENISA (osservatur permanenti wieħed). Il-Kummissjoni tmexxi ċ-Ċentru sakemm ikun jista’ jopera b’mod indipendenti.
Aktar informazzjoni: Ċentru u Netwerk ta’ Kompetenza taċ-Ċibersigurtà Ewropea (europa.eu)