Il-MITA tħabbar inizjattiva ġdida sabiex tgħin lill-anzjani fid-dinja diġitali

Anzjani f’dinja diġitali hija t-tema ta’ kampanja ġdida li se tgħin lil dawk avvanzati fl-età biex jieħdu ħsieb is-sigurta’ digitali tagħhom.

F’din il-kampanja se tinghata informazzjoni prattika ta’ kif persuni jipproteġu lilhom infushom fuq l-internet. Din se titratta diversi temi fosthom is-sigurtà fuq Wi-Fi pubbliku, l- importanza ta’ passwords b’saħħithom, e-mails u links qarrieqa, l-użu ta’ software bħal anti- virus u anti-spyware, kif ukoll il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali u sensittiva.

Ic-Chairman eżekuttiv tal-MITA, Tony Sultana, qal li fl-istrateġija l-ġdida tal-MITA, qed tingħata importanza kbira l-innovazzjoni teknoloġika. Bl-istess mod qed tingħata attenzjoni l-aspett ta sigurtà diġitali. F’dan ir-rigward il-MITA qed tniedi kampanja għal nies ta’ ċertu eta’ biex tipprovdi informazzjoni u ricerka għal aktar accessiblita.

Min naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri, qal li l-anzjani huma għal qalbna anke fl-aspetti digitali, speċjalment fi żmien il-pandemija. F’dan iż-żmien l-użu tat-teknologija żdied b’rata għolja fejn anzjani qed jużaw l-internet biex jikkomunikaw mal-familji tagħhom. Zied ukoll li l-Gvern qed jaħdem biex jipproteġi l-anzjani.

F’din il-kampanja qed jipparteċipa wkoll il-Ministeru għall-Anzjani li qiegħed jagħmel it-teknologija aktar aċċessibli, fosthom permezz ta’ servizz ta’ free wi-fi fid-djar tal-anzjani.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Dr. Michael Farrugia sostna li l-anzjani se jingħataw l-informazjoni meħtieġa biex jikkomunikaw mal-qraba tagħhom. Fl-aspett ta’ sigurtà diġitali, huwa importanti li l-anzjani jkollhom informazzjoni sabiex ma jħallu lil ħadd jabbuża minnhom.

Il-kampanja li se ssir fuq il-mezzi tax-xandir u l-midja soċjali se titmexxa mill-attur popolari, Narcy Calamatta.

Bħalma l-anzjani jieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom fil-ħajja normali, l-istess iridu jagħmlu meta jkunu fuq l-internet fid-dinja diġitali.

Artikli Oħrajn