Is-Sigurtá Diġitali fil-Formula 1 …. Teżisti?

Il-Formula 1 – wieħed mill-iżjed dixxiplini tal-motorsport avvanzati u li huma dipendenti fuq it-teknoloġija.

Waqt tellieqa, it-timijiet kollha jibgħatu informazzjoni bejn il-garaxx u l-karozza b’veloċita qawwija u li hi vitali għall-inġiniera u għax-xufier. Minħabba l-kompetittivitá tal-isport, hu importanti ħafna li din l-informazzjoni tkun mibgħuta bl-iżjed mod sigur possibli.

It-timijiet tal-Formula 1 ma jagħmlux kompromessi fejn jidħol infieq f’dan is-settur tant li jaħdmu mal-aqwa kumpaniji li jeżistu f’dan il-qasam biex jiprevenu attakki diġitali u telf ta’ informazzjoni.

Kelliem għal Acronis, kumpanija responsabli mis-sigurtá tal-informazzjoni ta’ xi timijiet fosthom Toro Rosso qabbel ix-xogħol tagħhom mal-mediċina. Qal li filwaqt li jagħmlu ħafna xogħol preventiv, it-theddid diġitali jibqa hemm u importanti li jkunu lesti għal kull eventwalitá.

Hu spjega li qabel xejn, jassiguraw li l-informazzjoni tkun “encrypted” u aċċessibli għalihom b’kontroll totali. Żied jgħid ukoll li hu vitali li jkollhom backups sostenibli li permezz tagħhom jistgħu jiksbu lura d-data mmedjatament jekk xi parti minnha tkun ntilfet.

Għal min jiprovdi s-sigurtá diġitali, il-Formula 1 kapaċi jkun ta’ sfida daqs kemm ikun għax-xufiera u għat-timijiet. Meta jingħelbu dawn l-isfidi, jkun assigurat li din it-teknoloġija qed issir iżjed sigura u t-timijiet qed ikunu iżjed ta’ suċċess fl-isport tagħhom.

Artikli Oħrajn