Cyber Security Malta li hi l-Kampanja Nazzjonali għall-Għarfien u Edukazzjoni dwar is-Sigurtá Diġitali tixtieq twassal il-messaġġ li fid-dawl ta’ diversi “scams” li qed jiġu ppublikati f’isem diversi persuni magħrufa Maltin, il-poplu Malti għandu joqgħod attent u ma jaqax għal dan il-qerq li jistá jwassal għal riperkussjonijiet kbar.
Fl-aħħar jiem, is-siti socjali raw influss qawwi ta’ artikli qarrieqa li użaw ismijiet ta’ persuni famużi Maltin bħal Davide Tucci, Eleonor Cassar u Amber Bondin biex iħeġġu lill-Maltin biex jidħlu f’investimenti ta’ crypto currency li rriżulta li huma qarrieqa. Każijiet li kollha kemm huma ġew immxejna mill-istess persuni famużi.
Għaldaqstant hu fid-dmir ta’ Cyber Security Malta li tħeġġeġ lill-poplu Malti biex bl-ebda mod ma’ jagħmel xi tip ta’ interazzjoni ma’ dawn l-iscams u oħrajn bħalhom li jistgħu jiġu mxerrda minn żmien għal żmien biex ikun evitat li xi ħadd jisfá vittma ta’ dan il-qerq.
Cyber Security Malta tavża biex jekk persuna poġġiet id-dettalji personali tagħha f’siti li huma suspettati qarrieqa jew qed jara azzjonijiet mhux awtorizzati f’kontijiet bankarji għandu immedjatament jitkellem mal-bank tiegħu.
Għal assistenza oħra dwar kif wieħed jevita dan it-tip ta’ qerq, il-poplu Malti mħeġġeġ isegwi il-paġna ta’ Facebook ta’ Cyber Security Malta għal avviżi li jinħarġu minn ħin għal ħin f’każijiet bħal dawn.