20/05/20 : Malta tingħaqad ma’ alleanza internazzjonali mmexxija mill-Interpol biex issaħħaħ is-Cyber Security waqt COVID-19

Sabiex tilqa’ għall-bidliet kbar li ġabet il-pandemija COVID-19, Cyber Security Malta u l-Malta Police Force qed jingħaqdu ma’ alleanza globali mmexxija mill-Pulizija Kriminali Internazzjonali (Interpol) biex joħolqu kuxjenza dwar is-sigurta’ diġitali b’kampanja msejħa #WashYourCyberHands.
L-alleanza hija ffurmata minn istituzzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi u komunitajiet ta’ sigurtà diġitali globali biex jipproteġu lill-pubbliku.

Billi tuża l-għarfien ta’ esperti li jiffurmaw din l-alleanza, il-kampanja se tgħin lill-pubbliku biex ikun aġġornat u jipproteġi lilu nnifsu minn kriminali li qed jisfruttaw is-sitwazzjoni tal-COVID-19. Dawn qed jisirqu d-data, jikkommettu frodi online jew sempliċement ifixklu d-dinja virtwali.

Il-kampanja se tuża data miġbura minn diversi pajjiżi, industrija privata, aġenziji nazzjonali ta’ sigurtà u gruppi ta’ informazzjoni sabiex tilqa’ għat-theddida ta’ attakki diġitali. Analiżi ta’ din id-data diġa kkonfermat li kriminali qed jinqdew bl-ansjetà kkawżata minn COVID-19 biex fost l-oħrajn jisirqu informazzjoni, jibgħatu malware, ransomware, u jwettqu online scams u phishing. Il-kampanja qed tiġi adattata għax-xenarju lokali biex tkun relevanti għal Malta u Għawdex.

Parir bażiku dwar l-iġjene diġitali – kif ‘taħsel idejk fid-dinja diġitali’ – se jkun ipprovdut ta’ kuljum biex jiżgura li individwi u negozji jkunu jafu kif jipproteġu s-sistemi diġitali tagħhom.

Craig Jones, Direttur ta’ Cybercrime fl-INTERPOL, qal li l-pulizija u l-industrija tas-sigurtà diġitali raw żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ cyberattacks minn meta faqqat il-pandemija. Dawn ivarjaw minn web domains malizzjużi li jużaw il-kelma “covid” għal emails ta’ phishing li jippromettu l-bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll attakki ta’ ransomware kontra infrastruttura kritika u sptarijiet.

Clayton Bartolo, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u Ekonomija Diġitali, qal li qed inqattaw ħafna mill-ħajja personali u professjonali tagħna online. Il-Gvern qed jinvesti ħafna biex iżomm lil kulħadd sigur, mhux biss minn perspettiva ta’ saħħa, iżda wkoll mil-lat diġitali.

Tony Sultana, MITA Executive Chairman, qal li f’dawn iż-żminijiet diffiċli Malta qed tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex toħloq kuxjenza u tiġġieled il-kriminalita’ diġitali. Qed inkunu proattivi fuq diversi livelli. Per eżempju, qed nindirizzaw kwistjonijiet ta‘ sigurtà diġitali għal nies li jaħdmu mid-dar, u nagħtu pariri ta’ prevenzjoni lill-kumpaniji.

Efrem Borg, Head of Information Security tal-MITA, semma x-xogħol importanti li qed tagħmel l-MITA biex tissalvagwardja l-infrastruttura tal-IT tal-Gvern. B’hekk il-pubbliku jingħata l-aħjar servizz possibbli, inkluż il-kura tas-saħħa.

L-ispettur Timothy Zammit, mis-Cyber Crime Unit tal-Pulzija, qal li l-għan wara din il-kampanja jmur lil hinn minn COVID-19, u se tagħti informazzjoni biex tkun miġġielda il-kriminalita’ anke fil-futur. Hekk kif is-soċjetà tadatta ruħha għal realta’ ġdida, irridu naraw li n-nies isiru aktar konxji tar-riskji involuti. B’hekk in-nies ikollhom aktar kunfidenza meta jinteraġixxu fuq l-internet. Din ir-realtà ġdida se tibqa’ magħna!