Il-Pulizija titlob l-għajnuna minn barra dwar il-każijiet ta’ emails u websites qarrieqa

Imtella’ Awwissu 30, 2021
Rapport: Liam Carter

Il-Pulizija rrikorriet għall-għajnuna minn barra minn Malta wara mewġa ta’ siti elettroniċi u emails qarrieqa li nqdew saħansitra b’isem il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni biex jintbagħtu lil nies varji.

Il-Prim Ministru saħansitra talab lill-Kumitat Nazzjonali tas-Cybersecurity juża l-għarfien tiegħu biex joħroġ bi proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ il-ġlieda kontra min jabbuża b’kontenut online.

TVM stħarreġ dwar dawn il-każi li skont il-Pulizija l-bażi ta’ ħafna mis-siti qarrieqa jinsabu barra minn Malta.

Min-naħa tagħha l-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA) qalet li qed jittieħdu numru ta’ miżuri biex timblokka dak li jissejjaħ bħala spoofing.

Il-Pulizija għamlet talbiet għall-informazzjoni internazzjonali sabiex isolvu l-aħħar mewġa ta’ websajts u imejls qarrieqa li fost l-oħrajn qed jibgħatu messaġġi f’isem il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela talab lill-Kumitat Nazzjonali tas-Cybersecurity biex juża l-għarfien tiegħu u joħroġ bi proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ il-ġlieda kontra min jabbuża b’kontenut online.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li Dr Abela nnifsu kien vittma ta’ attentat simili, fil-15 ta’ Awwissu li għadda, meta f’ismu ntbagħtu emails lil xi ġurnalisti.

Intqal li b’mod immedjat kien sar rapport lill-MITA u li huwa inkwetanti li fl-aħħar jiem kien hemm attentati biex pubblikament jinbnew numru ta’ artikli maħsuba speċifikament biex iqarrqu bil-pubbliku.

Anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, f’post fuq Facebook, qal li ġie infurmat b’emails foloz f’ismu li kienu qed jiċċirkolaw bħala parti minn kampanja mifruxa ta’ diżinformazzjoni f’Malta.

Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni ikkundannaw dawn l-atti li qalu m’għandhom l-ebda post fis-soċjetà.

Il-bażi ta’ ħafna minn dawn il-websajts qarrieqa tinsab barra minn Malta, kif spjega ma’ TVM l-Ispettur Timothy Zammit li jmexxi t-Taqsima tas-Cybercrime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

“Madwar ġimagħtejn ilu l-Pulizija ġiet notifikata b’messaġġi elettroniċi li kienu qed jippersonifikaw xi persuni u ġejna infurmati b’websites li kienu qarrieqa. Fir-rigward kemm tal-messaġġi kif ukoll tal-websites għaddejjin investigazzjonijiet mill-Pulizija abbażi tal-fatt li dawn kienu qed jiġu użati biex jagħtu fastidju lil xi ħadd kif ukoll qed nikkunsidraw reati oħrajn li jistgħu joħorġu mill-investigazzjonijiet tagħna”.

L-Ispettur Zammit spjega li s-suċċess fl-investigazzjonijiet jiddependi mill-kollobarazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji internazzjonali li qed jagħtu kenn lil dawn il-websites irreġistrati magħhom.

Jonathan Cassar, li jmexxi t-Taqsima tas-Sigurtà tal-Informazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Maltija għall-Informazzjoni u t-Teknologija (MITA) qal lil Television Malta li jeżistu żewġ forom ta’ spoofing.

“Ħafna drabi meta għandek spoofing ifisser li jew għandek e-mail spoof fejn xi ħadd qiegħed jibgħat imejl ta’ bir-ruħu li huwa persuna oħra jew inkella spoofing websites fejn xi ħadd joħloq website b’indirizz simili u kontenut simili wkoll bil-layout imma mbagħad il-kontenut ikun mibdul b’mod li jgħaddi messaġġi li mhumiex veru”.

Cassar stqarr li din mhux l-ewwel darba li l-MITA rat attakki ta’ spoofing saħansitra b’imejls qarrieqa li taw l-impressjoni li kienu mibgħuta minn uffiċjali tal-Gvern b’talbiet għall-flus.

“Mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi ħadd jagħmel li ta’ bir-ruħu li huwa persuna importanti fil-Gvern … xi direttur jew segretarju jew ministru taparsi li huwa dak il-persuna qed jibgħat imejl lil xi ħaddieħor u jitolbu biex, eżempju, jittrasferixxi xi flus għax ikun f’diffikultà. Aħna dak it-tip ta’ attakki għandna protezzjoni partikolari”.

L-uffiċċjal tal-MITA qal li hemm numru ta’ miżuri li l-kumpaniji jistgħu jagħmlu biex imejls simili jiġu mblukkati.

F’dan l-isfond semma wkoll li fil-jiem li ġejjin il-MITA se tiltaqa’ mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sabiex toffri l-għajnuna teknika lill-kmamar tal-aħbarijiet milquta minn dawn l-attakki.