STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR211578
30/08/2021

Il-Prim Ministru Robert Abela jirreferi għal diversi attentati fejn kien hemm min ipprova jaġixxi ta’ persuni jew ta’ entitajiet oħrajn, filwaqt li jiġġenera kontenut onlajn.

Il-Prim Ministru nnifsu kien vittma ta’ attentat simili fil-15 ta’ Awwissu, meta f’ismu ntbagħtu emails lil xi ġurnalisti.

B’mod immedjat, kien sar rapport lill-Malta Information and Technology Agency (MITA).

Il-fatt li fl-aħħar jiem kien hemm attentati biex pubblikament jinbnew numru ta’ artikli maħsuba speċifikament biex iqarrqu bil-pubbliku li jkun qed jaqra u jsegwi, hu ta’ tħassib.

Filwaqt li l-pulizija tibqa’ miexja bl-investigazzjonijiet tagħha, il-Prim Ministru se jitlob lin-National Cybersecurity Committee biex juża l-għarfien tal-membri fi ħdanu, u l-fatt li jiġbor fih l-istakeholders kollha, biex joħroġ bi proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ il-ġlieda kontra atti bħal dawn.

Dawn l-atti mhux biss huma kundannabbli, iżda m’għandhom l-ebda post fis-soċjetà.